24

24 10 2007
1 Star2 Stars3 Stars4 Stars5 Stars (No Ratings Yet)
Loading ... Loading ...

Iċċekkjat il-ħin - 07.24am. Qaħbeċ, qiegħda tard! Niżlet qisha miġnuna it-tlieta u għoxrin tarġa qisha waħda qiegħda taħrab minn ġiex tużżani lpup imġewwħin u kienet se titfixkel fl-aħħar waħda. Startjat u peresli r-roti ma kienux minfuħin sew, inħassdu mill-ħeffa li bihom kellhom jgħaqqdu fuqhom innfushom. Werżqu tnejn bħala protesta u neħħew l-għażż bla rażan li nxteħet fuqhom matul il-lejl.

Traffiku. Eżatt bħalma kien erbgħa u għoxrin siegħa ilu, u bħalma probabbli se jkun erbgħa u għoxrin siegħa oħra. Intefgħet tgħodd waħda waħda s-siġar tal-ġenb tat-triq - dsatax. Dejjem l-istess tgħodd, qatt ma ħarbitilha waħda (darba minnhom qabel ma laħqet is-sbatax-il waħda daħlet ġo vann toyota li kien hemm quddiemha). Issa se jkollha tibda tgħodd aktar pero, għax fil-ġenb tat-triq lemħet sitt ħaddiema tal-gvern b’ilbies kulur jgħajjat iħawwlu ħamsa oħra.

Waslet qrib il-post tax-xogħol u qagħdet tipparkja bil-galbu (għax dejjem ftakret meta l-pulizija kien weħħilha mit-test għax qalbet tank hi u ssuq b’lura). Qabel daħlet fl-ispazju kbir li kellhom għall-parking, il-park attendant kien diġà taha ħarsa biex tiftakar fih hi u ħierġa. Is-soltu dejjem tnewwillu ħames xelini, imma illum tagħtu tnejn tal-lampuka, u erba’ tal-ballotra… jekk tiftakar sew. Stennietu ħa jqarras wiċċu imma ma għamel l-ebda reazzjoni.

Fetħet il-bieb tal-uffiċċju u rat li kienu 08.39am, aktar minn nofs siegħa tard, imma mbagħad ftakret li dak kellu kwarta eżatt ‘il quddiem aktar mill-arloġġ tagħha. Probabilment mexxieh il-messaġġier li dejjem moħħu biex jiskarta u miegħu igawdu l-bqija tal-ħaddiema l-oħra.

Ma ħlietx aktar ħin, xegħelet il-kompjuter u bdiet tara l-e-mails wieħed, wieħed. Ħdax minnhom kienu fuq prezzijiet diversi tal-viagra, ħamsa fuq it-tkabbir tal-ġenitali maskili, tnejn mingħand l-imgħallem u ħamsa oħra mingħand sħabha tax-xogħol fuq suġġetti varji; minn kwotazzjonijiet mill-bibbja sa preżentazzjoni bil-powerpoint b’ritratti ta’ inżul ix-xemx f’Rio de Janeiro. Innuttat ukoll li wieħed minnhom mar direttament fit-trash can - mossa ġenjali li tgħallmitha mingħand iż-żagħżugħ il-ġdid fis-sezzjoni tal-IT.

Wara ftit minuti ġie jlebbet warajha Ġorġ in-nittien (kienu jgħidulu hekk għax darba ġie sospiż fuq xi ħaġa li ħadd eżatt ma jaf x’kienet imma li probabbli kienet sexual harassment) li dejjem kien isib xi ħaġa fuq xiex joħloq argument.

“Ara din, kif tissaportih il-ħin hekk? Bl-AM u l-PM jisirqulek nofs taskbar?! Taf li dak tista’ tbiddlu għat-24 hour format?”

“Ħallini fil-paċi Ġorġ, għadu qas sebaħ!”

Deher li nkiser, u dabbar rasu ‘l hemm b’denbu bejn saqajh.

Wara ftit irċeviet messaġġ fuq il-mobajl mingħand xi ħadd. Ġorġ is-soltu kien jaqbeż u jsaqsiha jekk kienx xi ‘lover‘ ġdid imma did-darba ma qal xejn. Il-messaġġ kien jaqra hekk:

“happy lucky bday swt! ure 24 on d 24th!”

‘Idjota’, qalet f’qalbha u dlonk ħassret il-messaġġ. Ġorġ qisha bdiet tieklu l-kurżità u mil-bogħod saqsiha minn kien biex reġa’ ħa r-risposta tas-soltu; “mhux affarik!”. Reġa’ inkiser u għaddas rasu ġol-iskrin itaptap fuq tastiera storbjuża.

Imbagħad bħal qisu intebaħ b’xi ħaġa. “Int daqt se jkollok il-birthday hux?” u taha ħarsa li jagħti tifel ta’ 8 snin lil ommu wara li jkun għadu kif mar jaqdiha mingħand tal-grocer.

“Iva… għada suppost” qaltlu nofs qalb.



Rivelazzjonijiet

7 07 2007
1 Star2 Stars3 Stars4 Stars5 Stars (No Ratings Yet)
Loading ... Loading ...

L-aħħar 6 sigħat tas-6 ta’ Lulju 2007 kixfuli 6 rivelazzjonijiet u qed infittex inħarbixhom hawnhekk biex ma jiżgiċċawlix bħalma tiżgiċċa l-libsa tas-satin tar-reklam fuq par saqajn femminili li għadhom jitqaxxru bl-aħħar magna rivoluzzjonarja tal-gillette:

i) Pierre J. Mejlak itwal u irqaq milli ħsibtu. Dik il-leġġenda urbana li t-televiżjoni jħaxxen u jqassar tgħid tapplika wkoll għar-ritratti tal-blogs?;

ii) Li x-Short Film Festival 2007 probabilment ma kellux bord t’għażla għall-films li ntwerew il-ġimgħa;

iii) Li għalkemm jidher xi ħaġa li trid seba’ mitt ittra wara ismek biex ikunu jistgħu jxandrulek il-film tiegħek, ilbieraħ rajt biċ-ċar li dan vera mhuwiex il-każ;

iv) Li ħlief għal xi żewġ jew tlett films (fosthom wieħed ta’ Alex Vella Gera), din l-ewwel ġurnata tal-festival kienet ħela ta’ ħin u ta’ flus, għalija u għal min webbilt jiġi miegħi, speċjalment wara l-esperjenza pożittiva li kelli s-sena l-oħra;

v) Li vera tidher frustranti meta tagħmel biċċa arti li tifhem int u int biss u tħalli lil bqija tad-dinja tiskanta u tagħmel sforz ta’ proporzjonijiet diżumani tipprova tifhmek;

vi) Li din probabli hi l-aħħar darba li żort dal-festival.

PS. Ma rridx naqta’ qalb dawk li għad baqagħlhom imorru illum jew għada, imma tassew ngħidilkom li inħossni grat lejja nnifsi li ma xtrajtx biljett għal żewġ jew tlett iljieli.



Somnus

14 06 2007
1 Star2 Stars3 Stars4 Stars5 Stars (No Ratings Yet)
Loading ... Loading ...

Għadda wisq żmien. Kważi insejt l-indirizz għanqbuta tal-blog u tistgħu timmaġinaw aktar kemm domt biex ftakart ismi u l-kelma ċavetta. Imma dħalt u issa ninsab hawn, sfortunatament għal min jobgħod jaqra bil-malti. Dan l-aħħar jumejn il-magna (il-computer) ħabbatni daqsxejn u kelli niffriskaħ waħda sew biex jerġa jiġi għal li kien. U sewwasew għal li kien qatt ma ġie imma dik lanqas il-bnedmin ma jagħmluwha aħseb u ara l-magni li sibna ruħna mdawwrin bihom.

Sirt qed inkun maħkum mhux ftit mil-melodija ħelwa tan-ngħas. Rari sirt inkun imqajjem kompletament. Biex naqdi din il-kilba għal irqad qed nipprova naddotta sistema ġdida, li ġieli taħdem u ġieli le, skond kemm l-attenzjoni tkun imdawwra fuqek. Ftakart f’Jack f’Fight Club u f’kemm kien qabbadni kurżità meta beda jipprova jispjega l-insomnia u l-effetti tagħha:

When you have insomnia, you’re never really asleep and you’re never really awake. I hadn’t slept in four days…

Min fis-sakra u min mejjet għal qatra. Bdejt naqra. M’inix waħdi.

zZz zZz zZz



L-Albaniż

12 04 2007
1 Star2 Stars3 Stars4 Stars5 Stars (No Ratings Yet)
Loading ... Loading ...

Kont ilni nistennieh ħafna, ħafna u ħafna. Xtaqt nerħi xi forma ta’ protesta, jew tgergira imma ma stajtx. Il-missirijiet ta’ ma nafx min dejjem tennew biex ma ndardrux l-għajn li se nixorbu minnha u din kont saħansitra se nogħdos fiha. Ħassejtni pensjonant inħuf, indur u napprezza l-ħamiem li kultant tiġini t-tentazzjoni naħseb li dawn xi darba kienu bnedmin ħżiena u issa bħala kastig saru ħamiem bil-ġuħ jittallbu għal farka ta’ bezzun.

Moħħi pero ma kien komdu xejn. L-inċertezza u d-dubju kieluni, apparti tsunami ta’ mistoqsijiet. L-ironija tal-ħajja nebbiexa wisq, tiżfen u togħla bla sabar.

Erġajt ittantajt nerġa’ nħabbatlu fuq il-bieb kbir misterjuż, bħalma kien jagħmel kull mortali li kien jipprova jidħol fil-kastell tal-Konti Duckula b’irkupptejh iċekċku. Did-darba irnexxieli nisma’ l-eku tat-taħbita u deher li kien hemm xi xaqq ta’ risposta wara ħames sigħat ta’ stennija mikula mill-għażż ta’ ġurnata xemxija xitwija. Xiref mit-tieqa u rajt bniedem kbir u xwejjaħ… fl-aħħar stajt nidħol.

Tlajt taraġ iebes biċ-ċangaturi kbar u wesgħin. Bdejt qisni naqta’ nifsi nitilgħu imma ma stajtx nieqaf hemm, mhux issa! Wasalt sa fuq nett u ħabbatt bil-bogħod. L-alabaniż xiref mil-bieb, akbar minn qatt qabel b’żewġ ċineg suwed faħma jżommulu l-qalziet milli jaqagħlu.

“Fiex nista’ naqdik?” qalli b’leħen kemm kemm maħnuq.
“Ħsibtek kont qed tistennieni. Ma qalulekx bija?” staqsejtu jien kemmxejn imdarras.
“Ma jidhirlix… oqgħod bil-qiegħda daqsxejn hawnhekk ħa ninvestiga” u għamilli sinjal b’idejh biex inpoġġi fuq siġġu. Intefa’ fuq is-siġġu u qabad ipejjep sigarett mingħajr m’għaddielu minn moħħu li jien setgħu idejquni s-sigaretti. Id-duħħan tagħhom ma inzertax wieħed antipatku u ma tajtx każ, f’moħħi kelli affarijiet oħra jdamdmu bħal xi ħadd jinkini u jgħajjat mil-bogħod: “Mit-taġen għal ġon-nar!”

——–

Sadanittant laħaq għadda ħafna żmien. In-nar ilħaqtu u ntfajt ġo fih imma oħroġ il-għaġeb mhux qed inħossu jħolli ġildi. Jew forsi għadni ma rabbejtx sistema nervuża sensittiva biżżejjed li tkun taf l-ammont ta’ uġiegħ li dan in-nar jaf jikkawża. F’dak il-każ nitlob li nibqa’ kif jien, illupjat, imqar sa ħamsa u għoxrin qamar ġdid ieħor.



Getting westernized…

1 03 2007
1 Star2 Stars3 Stars4 Stars5 Stars (No Ratings Yet)
Loading ... Loading ...

Xi riflessjonijiet:

- meta l-flus isirulek tal-plastik;
- meta tibda tidra l-ġlekk u ingravata ssikkata;
- meta tinsa tibgħat messaġġ lil sħabek ħabba x-xogħol;
- meta tinsa tiekol;
- meta tkun qiegħed fil-periklu tal-mewt minħabba l-ikel (!);
- meta jippreferu jsejħulek konsumatur flok ċittadin;
- meta tistħi tagħti 25ċ biss lill-park attendant;
- meta li jkollok ambjent naturali ħadrani u sostenibbli huwa lussu;
- meta laptop, mobile, jew kull ħaġa oħra mobbli tissostitwixxi l-ħabib/a immaġinarju/a tiegħek;
- meta kull terminu fid-dizzjunarju jieħu l-”e-” bħala żewġ karattri miżjuda qabel il-kelma.



The perfect dad

29 01 2007
1 Star2 Stars3 Stars4 Stars5 Stars (No Ratings Yet)
Loading ... Loading ...

Forsi kulħadd jiftakar id-disprezz, il-vjolenza u l-garigori mdallma ta’ moħħ makabru b’xintilla umoristika mdeffsa fir-rumanz American Psycho… jew le? Forsi kulħadd jiftakar f’ħajja mimlija sess, drogi u alkol arkivjata fil-paġni ta’ The Rules of Attraction… jew le? Dal-aħħar ftakart ukoll fil-melankolija tiddandan, tiżfen u tiżżegleg f’Lunar Park, imma għad baqagħli x’niskopri.

Il-kittieb ta’ dat-tlieta u ta’ xi nofs tużżana kotba oħra, Bret Easton Ellis qal hekk darba fuq missieru f’intervista li għamlulu:

“To a certain degree I’ve worked out a lot of issues I had with him [his dad], but I think a residue of anger and defeat will always exist. A child should never even think about being a “good son.” A parent decides that fate for the child. The parent encourages that. Not the child himself. And the “perfect dad”? I shudder at thinking what that may be.”

Spiċċajt nissekondah fuq l-aħħar sentenza.



"Well, I really think you should quit smoking"

24 01 2007
1 Star2 Stars3 Stars4 Stars5 Stars (No Ratings Yet)
Loading ... Loading ...

“Issa lħaqt wegħedtu!” qatgħet is-silenzju Martha.

“Kif?! Wegħedtu kif?!”

Berraq għajnejh bħal wieħed li għadu kif irċieva l-aħbar li għada se jmut. Nefaħ waħda bil-goff.

“Wegħedtu li mmur noqgħod il-flett tiegħu għal dat-tmiem il-ġimgħa”

“Mur tnejjek… xil-qaħba tkun int?” u bir-rabja xejjer tnejn idejh.

“Tindaħalx Tommie, u ieqaf eqred u gerger!”

Ma tkellem xejn. Qabbad sigarett u ma setax jaqbadlu sew. Ma kellux sabar iżomm il-fjamma għal aktar minn sekonda quddiem it-tiben niexef tas-sigarett. Meta rnexxielu tefa’ addoċċ il-lighter fuq is-sodda u mmullat lura għal ma’ l-art.

*****

Inqatgħet bozza, ħares lejn il-bozza mitfija sorpriż u ma tax kasha aktar. Tmattar fuq is-siġġu komdu li kellu u ntefa’ jiċċassa minn taħt il-pizz tal-kappell abjad biż-żigarella sewda lejn il-mera li kellu quddiemu. Ra wiċċ li min jaf kemm nies xtaqu jaraw ta’ kuljum tort ta’ dawk ir-reklami b’xejn ta’ wiċċu li kienu jagħmlulu l-magazins issa tista’ tgħid kull ġimgħa. U ħsibijietu bdew jinfirxu ma’ kull għanqbuta antika li kellu f’moħħu.

Kien jaf li kien stilla u kien jaf li jista’ jieħu dak li jrid, jekk mhux bis-sewwa jieħdu bil-ħlewwa. Ftakar f’dawk in-nisa kollha li kellu u ħassu wisq l-antika li kien a one-woman man. Xtaq aktar, xtaq iduq aktar nisa - imma le. Ġietu ħarira dieqa wkoll meta ftakar fil-prinċipessa Di u fl-inċident tagħha, għax xi ħadd darba kien qallu li tiġi minnu mill-bogħod u hu emmnu. Emmnu, avolja parti minnu bdiet tgħidlu li ma seta’ qatt ikun relatat ma’ demm daqshekk nobbli. Dana fakkru fi tfulitu u ħaseb li li kieku għamel bħalma kien ħajjru missieru kieku bħalissa qiegħed joftoq jew iħit xi sider ta’ bniedem, jew jipprova jfiehem lil omm li binha qiegħed fil-periklu tal-mewt, jew jagħti l-aħbar ta’ kankru lil familja nies. Imma hu dejjem tħabbeb mal-palk, mal-kpiepel u ma’ Casablanca.

Bniedem kemmxejn qsajjar, bin-nuċċali u xagħaru imdellka bil-ġelatina fetaħlu l-bieb tal-kamra addoċċ u ħasdu. Kien nesa jħabbat… bħas-soltu.

“Ħames minuti oħra u nibdew indawwru Sur Bogart

Ma wieġbux lura. Qabbad sigarett minflok.

*****

Kellu l-istess riħa ma’ kullimkien; xagħaru, ġildu, ħalqu, mnifsejh, widnejh, il-vini mqabbżin ta’ m’għonqu, sidru, is-suf ta’ ma’ żogortu u dak pubiku, il-ġenitali, riġlejh u s-swaba’ ta’ ma’ riġlejh. Imma l-agħar kienu subgħajh. Riħa ta’ katarru u nikotina. Kollox. Iċ-chesterfield kienu għamlu kapital minnu u għadu jiftakar meta fl-aħħar tad-disgħinijiet kienu ħabbru f’konferenza stampa li kienu se jżarmaw. Diżgrazzja għalih! Minn dakinhar ‘l hawn qatt ma rnexxielu jagħmel ħabib intimu bħalma kien jagħmel ma’ kull darba li kien ibus sigarett taċ-chesterfield tul dawn l-aħħar erbgħin sena.

F’dar-renju ta’ nikotina, riħa ta’ mara qatt ma daħlet… mhux għax ma kinitx mixtieqa imma għax l-ebda riħa femminili ma’ kienet titħajjar iżżur dan-naħat minsija. Forsi kienet tħossha aljena daqs kemm pittura ta’ De Chirico tħossha ħdejn waħda ta’ Vermeer.

Ħlief illejla.

Illejla l-bibien u l-ħitan apparentement qalbiena ġġarrfu biex jilqgħu dil-fwieħa ħelwa bit-trombi, il-palm u s-sardinelli. Qatt ma kien ħassu hekk qabel, ħassu jinbidel u ħassu tajjeb miegħu nnifsu. Kien kważi ċert li din tal-llum ma kinitx illużjoni.

Stieden lill-fwieħa tidħol ġewwa u timlielu l-pulmuni b’daqsxejn serħan, tiela’ u nieżla mar-ritmu tal-mewġ. Ma setax jieqaf, beda jidħak, jitbissem u kultant jieħu nifsijiet f’xulxin. Ir-riħa ta’ qabel ħassha toħroġ minnu f’forma ta’ tilja fina ta’ għaraq li bdiet titrabba ma’ dahru u ma’ moħħu. Baqa’ sejjer sakemm tilef il-konjizzjoni tal-ħin, sakemm sema’ l-għasafar igedwdu bejniethom li sebaħ, sakemm id-dalma tal-lejl bdiet tbatti.

Beda jnaqqas… in-nifsijiet bdew jonqsu u ma baqax jagħfas l-imħadda u s-saqqu bħalma kien qed jagħmel qabel. Reħa l-ponn u qagħad bil-qiegħda ħdejn il-lużar imtebbgħa. Fetaħ il-pakkett u kien se jkebbes wieħed, imma reġa għalqu kif kien fetħu.

Illum inbidel. Illum ma jpejjipx.



Taħt l-istess kappa

4 01 2007
1 Star2 Stars3 Stars4 Stars5 Stars (No Ratings Yet)
Loading ... Loading ...

Id-differenzi nħobbhom. Huma propju dawk li jisiltu in-nisġa tal-varjetà fost l-umani u kull ħlejqa oħra li timxi fuq l-art u sserrep tul il-kurrenti ta’ dawk ta’ żaqqhom ratba u rashom iebsa. Dak li faqqa’ subgħajh u ħoloq dil-pjaneta u elf mitt kosmos ieħor tabilħaqq kien jaf x’qed jagħmel. Kultant id-differenzi jafu jkunu tal-biża’, jew tal-għaġeb, jew tal-mirakli, jew tad-daħk jew saħansitra dawn kollha f’daqqa. Peres li jien inħobb nidħak waħdi u fis-silenzju iddeċiedejt li nħarbex rakkont jew narrazzjoni li dak li jkun jista’ jħabbat wiċċu magħhom mingħajr ma jrid. Imlebleb biex nitfa’ frażi clichè tipo ‘laughter is the best medicine’ imma se nissaporti. Pero mhux ħa nissaporti ngħid li ċertu Sinjur Berle kien qal li ‘laughter is an instant vacation’ u għal persuna msejkna li tgħaddi aktar sigħat fuq ix-xogħol milli b’rasha fuq l-imħadda, il-kelma ‘vacation’ tintiegħem oħla mill-ħelwa tat-Tork u melodjuża aktar mis-sireni ta’ sidirhom barra fl-Odissea ta’ Omeru.

*****

Wiċċ #1

Għall-ewwel kien qisu post tal-mażuni b’ħafna dwal ikkuluriti. Aktar ma qrobt aktar bdejt ninduna li kont żbaljat. Il-post kellu għamara skura imma mhux biżżejjed li tista’ issejħilha sewda u kif appena tidħol kont tista’ ixxomm ir-riħa tagħha flimkien ma’ riħa oħra dgħajfa ta’ inbid u fwieħa femminili.

Yes sir, can I be of help to your kindself?” qaltli tfajla petite b’nuċċali pulit u bl-ebda xagħarha barra minn postha.

“Mejda għal tnejn jekk jogħġbok?” għidtilha jien b’wiċċ ta’ baħnan, peresli xi ħadd kien diġà tarrafli li qas jekk tiksi lil San Ġużepp b’kisja deheb ma kien jirnexxielek issib post.

Kemmxet kemmxejn xufftejha, avolja dak il-ħin xorta għoġobni l-mod kif barmet xufftejha qishom raddi djagonali. Wiċċha straħ wara xi ħames sekondi: “There’s a touble at the other end of the place, that should do“. Imbagħad wiċċi straħ ukoll u lbist maskla ta’ wieħed aktar aċċettabli għal quddiem nies.

It-taraġ kien tal-injam mit-tip li tara fid-djar tal-arkitetti. Slots ta’ injam ħerġin mil-ħajt mingħajr puġġaman. Kif spiċċajt it-taraġ laqgħatna arkata enormi mdawwla b’dawl qawwi, li sa ċertu punt jirrilassalek is-sensi ta’ kullimkien. Is-siġġijiet u l-imwejjed taħsibhom ħerġin min-navicella spazjali li dehret fil-film ‘The Day The Earth Stoodd Still‘; ċioè mhux prattiċi, minimalisti imma għal xi raġuni jiġbdu l-għajn.

Il-menu kellu ħafna karti mqabbdin f’xulxin b’biċċa ħajta simili għal dawk li jtuk il-bajjada meta tiġi biex tagħzel u tqabbel iż-żebgħa. Il-prezzijiet ma kienux mill-irħas - Lm5 għal xi ħaġa li fit-triq tlaqqatha b’Lm2.  Trid tħallsilhom l-interior design wara kollox.  Ma kontx sorpriż lanqas meta rajt ir-reċipjenti fejn fih ġew servuti dal-likwidi ogħla minn ġildi. Tazzi kwadri, ileqqu ħafna u b’ħafna ħġieġ.

Maġenbi kien hemm aktar nies. Kien hemm koppja. Hi kellha xagħarha isfar maħmuġ bil-kannella u kellha ġilda bellusija. Biex tifhmuni aħjar, kienet mit-tip li ma jagħmlux aktar minn siegħa single. Ma setgħux jieqfu jpaċpċu u hu, meta warrbet ma nafx fejn, qagħad joqgħod jogħxa jieħu r-ritratti fil-vojt bil-mobajl. Il-persuni l-oħra kienu wisq bogħod biex noqgħod nissendikalhom.

*****

Wiċċ #2

Kultant qisu mat-tokk ta’ nofs il-lejl jew tas-siegħa jinfetaħlek ċertu aptit li jekk ma tissodsifahx ma jħallikx torqod u jekk jirnexxielek, tispiċċa toħlom ikrah (pereżempju li qabbdu lilek biex tkun il-bojja ta’ Saddam). U waqt li tkun qiegħed itterraq mat-triqat f’nofs tal-lejl, issib dal-ħanut imwarrab f’nofs ħafna dħaħen ta’ karozzi, muturi u trakkijiet. Insejt x’jismu imma naf li surtu tiegħu jikkonsisti f’madum abjad, ħġieġ b’ħafna stickers, riħa ta’ żejt moqli u ħafna oranġjo.

Ipparkjajt addoċċ (għax m’hemmx ħjiel tal-linji fejn tipparkja) u dħalt. Nofs minuta qabli nzertaw daħlu ħames ġuvintur. Ġuvni numru wieħed kellu flok abjad bil-kliem “Lost Raider” kbar ħomor fuqu. Fuq il-komma kellu wkoll “I’m the Best, fuck the Rest“. Ġuvni numru tnejn kellu xagħaru mqaxxra tant li rajt vina taqbeż min-nofs moħħu sal-qurriegħa. Ġuvni numru tlieta probabli mietulu xi tlett barrin u biex iżomm tifkira tagħhom qabdilhom l-imsielet ta’ ma’ imneħirhom u tefagħhom f’widnejh. Ġuvni numru erbgħa kien broke u ma ħa xejn. Ġuvni numru ħamsa ordna salad minn taħt l-ilsien. Jien kelli nistenna sakemm lestew bl-ordnijiet tagħhom fejn il-maġġoranza tagħhom ordnaw chicken fillet. Meta kważi spiċċaw ippruvajt naqbad kuntatt ma’ tal-ħanut (li kien jidher qisu Tork) li kif ippruvajt niftaħ ħalqi ħa nordna sikkitni biex ikunu jista’ jikkonċentra fuq dak li kienu għadhom kif ordnaw l-oħrajn. Ħabtet ħa taqbeż imma kont wisq bil-ġuħ.

Sakemm komplew jgħaffġu, jħawwdu u jbiddlu ż-żejt tac-chips intfajt nara l-menu pubbliku li ma kien xejn għajr biċċa plastik imwaħħla mal-ħajt. Ġibduli l-attenzjoni kliem li ma nassoċjahomx ma ikel bħal cole sole‘ (għal coleslaw imma almenu ġab l-ewwel kelma tajba għax hawn min jgħid cole slaw), ‘pises‘ (għal pieces), ‘filet‘ (għall-ewwel ħsibtu għandu traduzzjoni bil-franċiż imma ma naħsibx li kien il-każ), eċċ.

Meta kont kważi ġejt biex nordna jien ġew tfajla u tfajla naqa akbar (forsi ommha) li kellhom 80% fil-mija ta’ ġisimhom mikxuf u li probabli jidħlu fihom irġiel aktar milli jidħlu ta’ kuljum fil-mara tal-iStatwa tal-Libertà.  Qabbżuni. Ordnaw tnejn chips bla melħ u ftit bżar.

Messni jien, ordnajt u dam ħafna jħares lejn is-saqaf jipprova jaħdem is-somma tal-kont avolja kull ma ordnajt kienu żewġ affarijiet. Lebbitt ‘il barra u kważi ħbatt ma’ raġel matnazz ruxxan b’xagħaru mqaxxra. Mill-but ħareġ roll karti tal-għaxar liri u ġieni l-aptit naħtafomlu għax ma kienux jixirqulu. Minflok rebaħ il-lat kristjan tiegħi u għaddast rasi l-isfel.i{content: normal !important}



Anti-lagnia

18 12 2006
1 Star2 Stars3 Stars4 Stars5 Stars (No Ratings Yet)
Loading ... Loading ...

L-antiteżi ta’ din u biex, għal darba, ma nkunx negattiv (avolja kultant huwa ħafna eħfef li tkun negattiv milli pożittiv). Lista ta’ affarijiet li kapaċi jbiddluli l-burdata għal waħda tajba, jiġifieri ħudu nota intom ilkoll li beħsiebkom tqattgħu aktar minn ħames sigħat fil-ġimgħa miegħi:

  • ir-riħa naturali tal-ġilda ta’ ċerta nies;
  • ikel taljan;
  • kotba;
  • tazzi tal-inbid li jgħammxuk bl-indafa tagħhom;
  • l-organizazzjoni, imma mhux il-mard li joriġina minna;
  • stramba kemm tista’ tinstema, id-deadlines għax ituni idea meta għandi nibda u meta għandi nispiċċa;
  • dik ir-riħa ta’ wara x-xita;
  • il-ħoss li jagħmlu s-satal u l-ħabel meta jinxteħtu fil-bir biex itellgħu l-ilma. Il-ħoss partikolari jinħoloq ħabba l-forma ta’ qanpiena li kienu (u forsi għadhom) jinbnew il-bjar, ovvjament aktar ma l-bir ikun vojt aktar il-ħoss ikun intens;
  • il-fatt li tkun f’ristorant u l-wejter ikun jaf min ordna xiex, mhux joqgħod jiċċassa lejja jistennieni ngħidlu jien;
  • dak il-mument eżatt meta l-likwidu jmiss mal-ponta ta’ xofftejk int u tgħolli t-tazza biex tixrob;
  • għodwa xemxija (ħalli imbagħad tagħmel ġurnata xita);
  • is-sirda tas-sajf filgħodu, li ġeneralment tkun l-aktar preżenti mal-bajjiet, wara li tkun għamilt lejl rieqed fuq ir-ramel;
  • nies li jafu jqabblu l-kuluri (mhux biss fil-ħwejjeġ imma anke fl-ikel, arti, interior design, eċċ.);
  • il-Kavallier ta’ San Ġakbu;
  • nies li meta jgħidulek “kif int?” jgħiduwha għax vera jkunu jixtiequ jkunu jafu kif int;
  • Ħal Lija u n-Naxxar;
  • films li nkitbu mid-diretturi stess;
  • il-minimaliżmu kkontrollat;
  • il-qassata tal-ispinaċi li jbiegħ il-kjosk tal-barrakka ta’ fuq;
  • Delimara.


Lagnia

30 11 2006
1 Star2 Stars3 Stars4 Stars5 Stars (No Ratings Yet)
Loading ... Loading ...

Kull min għandu blog xi darba jew oħra ħass il-bżonn li jitfa’ lista (ġieli ma tispiċċa qatt) ta’ affarijiet li jdejquh/a. Probabilment dak li jkun ikun qam bil-bajda mdawwra/qamet bih. Jien la għandi l-bajda mdawwra u wisq anqas qiegħed bih, imma dalgħodu kont qed naqra dan l-artiklu fuq kemm burdata ħażina jaf twassal għat-tħassir tas-saħħa, ġejt nitnellaħ (kemm hi isbaħ eh meta titfa’ l-ittra “n” flok “m”?) minn saħħti u bdejt nikteb qisni miġnun.

Fi sforz li nipprova nagħmel lista differenti minn dik li hawn hawnhekk u mill-affarijiet li probabilment jobgħod kulħadd (bħal nies isuqu bil-mod fil-fast lane, Tista’ Tkun Int, Dejjem Tiegħek Becky, qassisin li nqabdu b’każ ta’ pedofelija, eċċ), ħsibt għal xi tlett minuti u ħriġt b’dan t’hawn isfel:

  • ikel imsaħħan;
  • il-fatt li, għalkemm ma jidhirx, tħoss li hemm manetti li jorbtulek idejk mal-mouse biex ma tmurx twarrab daqsxejn minn fuq l-iskrivanija tax-xogħol;
  • aftersales tan-nofs kedda, li ġeneralment issibu ħafna fi ħwienet ibiegħu l-PCs u affarijet oħra tal-IT. Qatt ma nista’ nifhem kif tista’ tieħu ġimgħa jew aktar biex tifformatjja PC jew tinstalla l-Windows, jew tneħħi virus, jew twaħħal hard disk, jew twaħħal biċċa RAM jew sempliċement tagħmillu backup;
  • spiritwalità żejda, bħal pereżempju meta tgħid salve reġina biex tpatti għad-dagħa li jintqal jew toqgħod tagħfas għajnejk ma’ xulxin biex in-nies jaħsbuk aktar qaddis minni;
  • nies kważi illiterati li jħawwdu id-d mal-b u viċeversa;
  • nies kważi illiterati li jħawwdu il-p mal-q u viċeversa;
  • il-ħoss ta’ speaker mifqugħ;
  • il-ħela;
  • nies li jipparkjaw bl-addoċċ qisu la hemm kaxxi b’linji bojod jew sofor u minn fuq jeħduwha kontrik jekk tkellimhom;
  • nies li mingħalihom għax xtraw album Lm3 kollox minn play.com ta’ grupp mużikali li ħadd ma sema’ bih l-massa griża ta’ bejn widnejhom kibret xi nofs tużżana ċentimetri;
  • l-irtokk, l-eżaġerazzjoni tiegħu;
  • kritiċi tal-arti li għandhom Degree fix-xjenza mekkanika;
  • fwar fil-karozza li jekk tipprova tneħħiħ b’idek jibqgħalek tebgħa, jekk b’tissue titqattalek it-tissue u jekk duster jibqagħlek is-suf isfar imwaħħala mal-ħġieġa;
  • nies li għal domanda bħal: “Xi tħobb?” iweġbuk: “Minn kollox” bla ebda ħjiel ta’ individwaliżmu san.

Il-lista jaf tiżdied jew tonqos, jiddependi mit-temp (?). M’inix daqshekk bniedem antipatku wara kollox.