Siworae

17 09 2007
1 Star2 Stars3 Stars4 Stars5 Stars (No Ratings Yet)
Loading ... Loading ...

Immaġinak wasalt f’punt fejn se tbiddel id-dar li kellek ħdejn il-baħar mimlija hena u sliem. Ħabba raġunijiet li m’għandekx kontroll fuqhom kellek tabbandunaha u tmur toqgħod aktar lejn iċ-ċentru. Ftit qabel ma titlaq tinduna li tkun ordnajt xi affarijiet u nsejt tagħti istruzzjonijiet ċari lil bejjiegħa bl-indirizz il-ġdid tiegħek. Tiġik idea. Peresli jkunu qorbu l-festi tal-Milied u l-ewwel tas-sena, fil-kaxxa tal-ittri tad-dar ta’ ħdejn il-baħar tħalli kartolina lis-sid il-ġdid u fil-ġewwieni tagħha tikteb hekk:

17 ta’ Diċembru 1999

Għażiż sid ġdid tad-dar,

L-ewwelnett nixtieq nawguralek Milied mill-isbah u sena mimlija riżq. Nilqgħek f’din id-dar il-ġdida u nispera li tkun ta’ benevolenza għalik daqskemm kienet għalija. Nixtieq nżid ukoll biex jekk tirċievi xi ittri jew kotba indirizzati lili jekk jogħġbok ibagħthom f’dan l-indirizz t’hawn taħt.

Grazzi u milied hieni mill-ġdid

PS. Dawk il-marki tas-saqajn tal-kelb li hemm fl-intrata sibthom hemm qabel ma dħalt id-dar. Ippruvajt inneħħihom imma ma rnexxilix.“

Tibda toqgħod fil-post il-ġdid fiċ-ċentru u dlonk tibda tħoss in-nuqqas ta’ dik id-dar maġika li kellek. Ftit jiem jilħqu jgħaddu u fl-aħħar tirċievi mingħand sid id-dar il-ġdida:

22 ta’ Diċembru 1997

Għażiża sinjorina,

Grazzi tax-xewqat sbieħ tiegħek. Ħalli f’idejja rigward l-ittri u l-kotba. Kif appena jaslu dlonk nibagħthom fl-indirizz li tajtni. Pero naħseb ħadt żball fid-data. Sa fejn naf jien għadna fin-1997! Rigward il-marki tal-kelb, emminni, m’għandix idea fuq xiex qed titkellem għax jien s’issa għadni ma rajtx il-marki li semmejtli fl-ittra tiegħek.“

Ittra hekk thallik perplessa u t-tnejn li intom tibqgħu tinsistu li qed tgħixu sentejn bogħod minn xulxin. L-istorja ma tiqafx hemm… tkompli… tkompli…